Fis-sema, fl-art u kullimkien

Għad irrid nara televixin statali serju ta’ stat serju li waqt programm imxandar fuqu live fi prime time il-preżentatur jibda jgħajjat mal-udjenza donnu għalliem fi klassi mqarba u jibda jhedded li min se jċapċap se jitkeċċa ’l barra.

F'kull kantuniera hemm ghajnejn mohbija jsusu warajk u josservawk, jissorveljawk
F'kull kantuniera hemm ghajnejn mohbija jsusu warajk u josservawk, jissorveljawk

Ħafna nies għadhom mistagħġba kif ajruplan kbir bħalma huwa Boeing-777 jista’ jisparixxi u għal ġranet sħaħ jibqa’ mitluf mingħajr ma jħalli warajh ebda ħjiel ta’ fejn seta’ spiċċa. 

Attwalment l-istagħġib ma kienx li ntilef ajruplan, iżda li baqa’ ma nstab imkien fl-istess mument meta ħafna qegħdin jippreokkupaw ruħhom li llum il-ġurnata ma jistgħux jgħattu xturhom għax b’xi mod jew b’ieħor jispiċċaw mikxufa beraħ u fil-pubbliku. 

Bis-satelliti xi mkien hemm fuq kontinwament iħarsu ’l isfel u jirreġistraw kull mossa li ssir, ħafna għandhom raġun iħossuhom maqbudin f’ċella kbira li minnha huwa impossibbli li jaħarbu. Kull vjaġġ li tista’ tagħmel int u ġġorr iċ-ċellulari fuqek, kull tranżazzjoni bankarja minn xi bankomat, kull ittra elettronika li tiftaħ biex taqraha, kull paġna virtwali li taqra jikxfu l-impronta tiegħek u jżommuha f’kexxun b’ismek (jew aħjar bin-numru li jidentifikak) imniżżel fuqu.

Trid jew ma tridx din hija dinja ssorveljata li qiegħed tgħix fiha. F’kull kantuniera hemm għajnejn moħbija jsusu warajk u josservawk, jissorveljawk. U l-kbira hi li waqt li dawn l-għajnejn jarawk int ma tistax tarahom għax huma moħbija sew. 

Dil-ġimgħa Mark Zuckerberg, fundatur u kap eżekuttiv ta’ Facebook, qabżitlu u ċempel lil Barack Obama biex jilmenta miegħu għall-mod kif Washington qiegħda tissorvelja bl-addoċċ liċ-ċittadini. Il-programmi ta’ sorveljanza tal-Gvern Amerikan u ta’ gvernijiet oħrajn qegħdin jitqiesu mhux biss bħala inġusti imma, aktar minn hekk, bħala għodda ġdida dittatorjali li tneħħi d-drittijiet fundamentali tal-privatezza ta’ dak li jkun. Fit-telefonati tiegħu lil Obama, li ġew ikkonfermati anki mill-White House, Zuckerberg esprima l-frustrazzjoni tiegħu għall-mod kif l-amministrazzjoni qiegħda thedded l-isforzi tal-kumpanija tiegħu biex tiġġieled kontra l-kriminalità ċibernetika.

Ironikament bit-taqliba kbira li qajjem Edward Snowden meta kixef l-azzjonijiet abbużivi ta’ numru ta’ gvernijiet li qegħdin jispijaw fuq min jidhrilhom fosthom fuq iċ-ċittadini tagħhom stess, iċ-ċentri ta’ sorveljanza spiċċaw huma nfushom fl-iskrutinju. L-għajnejn il-kbar li ħadd ma kien qiegħed jara qabel inqabdu jħarsu; inkixfu waqt it-tkixxif tagħhom.

L-istrumenti u l-aġġeġġi elettroniċi li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum bidlu l-mod kif inħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna. Mhuwiex biss in-nuqqas ta’ ħila li jinstab il-Boeing-777 u l-ispijar kontinwu li issa sirna nafu fiċ-ċert li dawk t’hemm fuq qegħdin jagħmlu fuqna li għandu jġegħelna naħsbu fuq ir-rwol li t-teknoloġija għandha fuq l-eżistenza u l-ħajja ta’ madwarna kollha kemm hi. Ftit tal-ġimgħat ilu, f’din l-istess paġna, irreferejt għax-xogħol straordinaju u fl-istess waqt disturbanti tal-artista Awstraljana Patricia Piccinini. Waħda mit-temi li Piccinini tindirizza bix-xogħol tagħha hija l-interazzjoni tal-uman mal-oġġett teknoloġiku u l-isfukar fid-distinzjoni bejn in-naturali u l-artifiċjali. Fl-esebiti tagħha “Thicker Than Water” u “Truck Babies” Piccinini toħloq forom ta’ muturi u karozzi li jieħdu qagħdiet umani tant ‘naturali’ li min iħares lejn l-esebit donnu jsib ruħu f’mument imqar żgħir li waqtu jiddubita huwiex jara magna jew persuna umana. Kif tgħid Piccinini f’waħda mill-ħafna intervisti li tat qegħdin ngħixu f’mument storiku meta l-artifiċjali sar eqreb tal-bniedem milli hija n-natura. Il-bniedem medju aktarx li llum il-ġurnata għandu aktar kuntatt u interazzjoni ma’ magni milli ma’ bnedmin u annimali.

Meta konna żgħar, biex ibegħduna mid-dnub, il-katekisti kienu jgħallmuna li Alla kien omnipreżenti u li kien qiegħed jarana anki fid-dlam. Kienu saħansitra jġegħluna nirrepetu ħafna drabi: “Fejn jinsab Alla?” “Alla jinsab fis-sema, fl-art u kullimkien.” U biex żgur indaħħlu dis-sentenza f’moħħna konna anki nippuntaw ’il fuq u ’l isfel u ndawru subgħajna xi erba’ darbiet. Dan Alla sar is-satellita li tħares lejk, li tisimgħek titkellem fuq it-telefown, li taqralek l-ittri u l-linji miktubin bl-għaġla fiċ-chats. Anki fil-moħbi nafu li hemm il-magna tħares lejna u aħna nkomplu ninteraġixxu magħha, ukoll meta tkun qiegħda fl-isfond. 

Interessanti l-ilment ta’ Zuckerberg; irrid ngħid interessanti li dan l-ilment kellu jiġi minnu għaliex Zuckerberg imexxi kumpanija li l-ħin kollu qiegħda tirreġistrana, l-istess kienu jagħmlu kumpaniji oħrajn li nużaw għal ħinijiet twal fil-ħajja ta’ kuljum bħal Google, Yahoo, Amazon u Linkedin. U nafu b’dan kollu u xorta waħda nagħżlu li nkomplu nilagħbu l-logħba għaliex fl-aħħar mill-aħħar Zuckerberg ivvintalna parti minna, parti minn ħajjitna, l-istess kif għamlu l-kumpaniji l-oħrajn li għandhom aċċess għall-profil tagħna. Kif kienu jkantaw id-Dead Kennedys: “I hear when you’re drinking/ And cheating on your lonely wife/ I play tape recordings/ Of you to my friends at night.”

B’dan kollu fl-isfond ma jistax jonqos li jkun hawn min jibqa’ skantat bin-nuqqas ta’ ħila li jinstab il-Boeing-777. Fil-perċezzjoni tagħna, fejn bdilna lill-magna ma’ Alla u ’l Alla ma’ magna kollox hu magħruf u definibbli. 

Issa waqt li hemm min qiegħed iċempel lill-kap tal-istat biex jilmenta li l-apparat amministrattiv tiegħu qiegħed jimmina l-libertà tal-bniedem bis-saħħa tal-aġenziji tal-ispijar, hemm min imur fuq programm tat-televixin il-Ġimgħa filgħaxija biex lill-kap tal-Oppożizzjoni jistaqsih fuq meta se jiftaħ il-kafetterija li kien semma xi sena ilu u huwa u jistaqsi jinfaqa’ jidħaq għaċ-ċajta tiegħu stess. U hemm min minflok iċempel lill-kap tal-istat biex jiġbidlu l-attenzjoni li qiegħed jikser dritt fundamentali taċ-ċittadini tiegħu stess, hemm min imur lest biex joqgħod japplawdi u jgħajjat u jibbuwja – live fuq it-televixin tal-istat il-Ġimgħa filgħaxija. Il-Ġimgħa filgħaxija t-televixin tal-istat jispiċċa burdell, b’kompetizzjoni bla premju ta’ min jgħajjat u jitpastaż l-aktar. Għad irrid nara televixin statali serju ta’ stat serju li waqt programm imxandar fuqu live fi prime time il-preżentatur jibda jgħajjat mal-udjenza donnu għalliem fi klassi mqarba u jibda jhedded li min se jċapċap se jitkeċċa ’l barra.

Din hija s-sitwazzjoni traġikomika li ġabuna fiha żewġ partiti li ilhom jiċċerċru u jċerċru magħhom lill-poplu għal numru konsiderevoli ta’ snin. U s’issa xejn m’hu jikkonvinċini li l-partiti nfushom għandhom imqar l-iċken interess li jsewwu dak li kissru. Il-ħasra hi li bħall-għajnejn tas-satelliti, u bħal Alla li kienu jgħallmuna dwaru l-katekisti, dawn jinsabu fis-sema, fl-art u kullimkien: fuq it-televixin tal-istat, fuq it-televixin li fetħu wieħed kull wieħed, fuq ir-radju li wkoll fetħu wieħed kull wieħed, fuq l-istazzjonijiet l-oħrajn li minbarra l-filmati ta’ diski antiki jimlew il-ħin b’xi persunaġġ politiku, fil-gazzetti (tagħhom u tal-oħrajn), fil-Facebook, fit-Twitter ... qegħdin hemm, iħarsu lejk u jqisulek passik, anzi aktar minn hekk: jgħidulek liema hu l-pass li jmissek tieħu.