Knisja kwieta

Jien nixtieq nemmen li l-knisja tinsab kwieta għax tinsab f’burdata riflessiva. Nixtieq nemmen li fl-aħħar għarfet li l-eġemonija tagħha m’għadhiex sħiħa.

Minn barra nsegwi l-Knisja mill-qrib għax, ftit jew wisq, għaġnet il-ħajja tagħna. Bosta kienu l-interpretazzjonijiet li ingħataw għall-kawtela ta’ l-isqfijiet fid-dibattitu dwar l-Unjoni Ċivili. Dawk li trabbew fid-dell ta’ Monsinjuri Gonzi u Mercieca inkeddu li din id-darba l-knisja m’għamlitx kruċjata kif tmiss, bħal ma ġara fl-imgħoddi. Nistgħu biss nimmaġinaw kemm kienet kbira l-pressjoni fuq l-isqfijiet. Aktarx li l-ansjeta’ fi ħdan il-knisja setgħet żdieded x’ħin whud bdew iħejju għall-battalja u mmarċjaw wara pastor, li kien trabba Kattoliku f’Hal Tarxien iżda kkonverta għall-Protestantiżmu f’Texas.

L-Oppożizzjoni ħasset li l-kawtela ta’ l-isqfijiet kixfet rassenjazzjoni għall-istil ta’ politika tal-gvern preżenti u akkuzat lill-gvern li sadd ħalq il-knisja. Il-gvern interpreta l-kawtela bħala avvanz; qal li l-Kurja dehret li qed taċċetta s-separazzjoni stat-knisja u li qegħda tifhem li l-gvern għandu dover jilleġisla għan-nom ta’ kulhadd.

Jien nixtieq nemmen li l-knisja tinsab kwieta għax tinsab f’burdata riflessiva. Nixtieq nemmen li fl-aħħar għarfet li l-eġemonija tagħha m’għadhiex sħiħa. Nixtieq nemmen li għazlet li tgħaddi minn perjodu introspettiv biex issib direzzjoni ġdida.

Waqt li taħt il-Papa Franġisku l-Knisja Universali spiss tinkoraġġixxi lill-isqfijiet jesprimu rwieħom dwar dak li jolqot lin-nies, f’Malta l-Knisja dellha tqil minhabba l-grajjiet tal-imgħoddi riċenti. Waqt li l-Papa Frangisku ġej minn kuntest Latin Amerikan, fejn ħadem mal-għeruq u aktarx iddakkar mit-Teologija tal-Liberazzjoni, f’Malta rari nsibu mumenti fl-istorja fejn il-knisja dehret motivata minn aspirazzjonijiet emanċipatorji. Infatti hemm min iqis iż-żewġ ‘gwerrer’ politiko-religjuzi tas-seklu għoxrin bħala attentat biex tiddefendi t-territorju tagħha mill-poter tal-politiċi sekulari.

Il-generazzjoni tiegħi u dawk ta’ qabilna trabbejna f’soċjeta fejn il-Knisja kienet istituzzjoni ta’ saħħa tremenda. Għalkemm aktarx li qatt ma kienet xi istituzzjoni monolitika, ghal bosta għaxriet ta’ snin kien irnexxilha tipproġetta immaġini waħda kompatta. Id-diverġenzi kienu kkontrollati u membri tal-kleru ‘imqarrbin’ kienu jiġu mwissija, u xi kultant ikkastigati; għalkemm rari kienu jiġu penalizzati pubblikament.

Illum aktar minn qatt qabel meħtieġ dibattitu biex il-Knisja taġġorna ruħha ma’ realtajiet ħarxa. Jridu jew ma jridux, l-isqfijiet xi darba se jkollhom joħorgu mill-fodsqa tagħhom.

L-Arcisqof  Monsinjur Pawlu Cremona issa ilu fit-tmexxija tmien snin. Kien seraq il-qlub tal-Maltin bit-tbissima simpatika tiegħu u għaliex wera sensittiva’ u spiritwalita’ profonda. Nirrikonoxxu li għamel bidliet siekta. Laqatni meta aġġorna d-diskors tal-knisja dwar ir-rwol tal-mara fis-soċjeta’. Ma baqgħax jevita li jisma lill-vittmi tal-abbuż sesswali fl-istituzzjonijiet tat-tfal, skandlu li nawwar lill-knisja minn ġewwa għal snin twal. Taħt it-tmexxija tiegħu il-knisja ħadet pożizzjoni kuraġġjuza, iżda kontra l-kurrent populista, rigward l-immigranti rregolari u dawk li jigu jfittxu ażil.

Izda Monsinjur Cremona ma jħobbx jidher. Kellu raġun min ikkummenta li ilu wisq nieqes mill-isfera pubblika. Qatt ma deher komdu wisq fuq it-televizjoni. Niftakar ċar intervista televiżiva partikolari fejn l-Arcisqof deher maħsud meta ġie affrontat b’mistoqsijiet diffiċli u baqa jidher qisu ħuta barra mill-ilma għall-kumplament tax-xandira.

Minfloku, matul is-snin dehru oħrajn. Monsinjur Mario Grech ma jżommx lura mill-media u qatt ma naqas li joffri sound bites interessanti. Qabel tfaċċa fix-xena l-isqof awżiljarju Monsinjur Charles Scicluna, kien donnu jinstema aktar leħen Monsinjur Anton Gouder. Kien hemm bosta mumenti fejn xi wieħed mill-Monsinjuri qalu ħwejjeġ li kienu jirrikjedu kjarifika jew kumment mill-mexxej tal-knisja f’Malta ... izda għal xi raġuni jew oħra (hemm min semma l-mard) l-Arċisqof ma niftakarx li qatt tkellem.

Ta min josserva wkoll li waqt l-episkopat ta’ Monsinjur Cremona ma sar ebda ċensiment uffiċċjali dwar l-attendenza għall-quddies tal-Ħadd, Lanqas qegħdin jiġu ippubblikati figuri dwar il-vokazzjonijiet. Aktarx ghalhekk li ttiehdet decizjoni li ma jghidu xejn fil-miftuħ biex ma tkomplix tixtered aktar il-perċezzjoni li ħajja reliġjuza m’għadhiex għazla popolari.

L-aħħar ċensiment dwar l-attendenza l-Ħadd sar fl-2005. Dak iż-żmien kienu biss nofs il-Maltin li kienu jmorru l-quddies obbligatorju; in-nuqqas ta’ attendenza kienet diġa allarmanti f’inħawi partikolari, bħal San Pawl il-Bahar, fejn dak iż-żmien kienu jmorru biss terz tal-popolazzjoni. In-nuqqas ta’ vokazzjonijiet hija sfida kbira. Minkejja li l-iskejjel tal-knisja qed jikbru minħabba r-reputazzjoni tajba li jgawdu, żgur li mhux iservu biex jilhqu aktar reliġjuzi. Waqt li daqs għaxar snin ilu kont taqra u tisma dwar il-kriżi fil-vokazzjonijiet, fl-aħħar snin ma smajna kważi xejn.

Meta ftit xhur ilu tqassam fil-knejjes u djar Maltin kwestjonarju ordnat mill-Vatikan, dan wera li huma nofs il-Maltin li jobdu it-tagħlim tal-knisja dwar il-familja. Kienu madwar 7,000 li rrispondewh. Ma nafux kemm dawk li ħadu sehem kienu rappreżentattivi ta’ poplu sħiħ. Meta l-kwestjonarju ġie “simplifikat” xorta baqa kkumplikat tant li fakkarni fil-karta tal-matrikola tar-reliġjon b’ħafna mistoqsijiet fuq l-enċikli u d-dettalji tagħhom. Kien fih ukoll xi suppożizzjonijiet dwar il-familji Maltin li mhux bilfors huma validi.  

Bla dubbju, l-akbar stħarriġ tal-opinjoni pubblika kien ir-referendum dwar id-divorzju li serva ta’ żveljarin qawwi dwar is-sinjali taż-żminijiet. Il-kunsens relattiv li kien hawn rigward l-Unjoni Civili għall-koppji tal-istess sess u miżuri oħra qegħdin juruna l-ħtieġa ta’ dibattitu nazzjonali dwar is-sekularizzjoni. Erbgħin sena wara r-Repubblika, wasal ukoll iż-żmien li ngħarblu l-privileggi tal-Kurja jekk ikun hemm riformi Kostituzzjonali. Flok kruċjata, l-Knisja tista’ tkun sieħba importanti meta niġu biex nistabilixxu il-mudell ta’ sekularizzazzjoni li jaqbel li nersqu lejh.

Is-silenzju ta’ Monsinjur Cremona jista’ jservi ta’ opportunita’. Flok Arcisqof didattiku li joħnoq il-vuċijiet ta’ kulħadd, huwa ppermetta spazju riflessiv għal stocktake sinċier. Flok tintilef f’taqbidiet għall-poter, knisja kwieta għandha ċans akbar għal eżerċizzju pożittiv u nkussiv. Taħt Monsinjur Cremona, u anke warajh, kurrenti li ilhom jeżistu, jistgħu jimirħu l-possibiltajiet ġodda biex l-isfidi ta’ bħalissa jiġu milqugħa.